This site has been archived on 16/12/2015
16/12/2015
(click for more information)
Riċerka u Innovazzjoni
Inti tfajla? Ix-xjenza tgħodd għalik!
Accessibility tools

Service tools

Language

Navigation path

Main menu

Dwar dan il-websajt

Wara li damet għaddejja għal aktar minn tliet snin, il-kampanja Inti tfajla? ix-Xjenza tgħodd għalik! issa ser tgħaddi f'idejn Hypatia, proġett fuq tliet snin iffinanzjat minn Orizzont 2020 - il-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE.

Hypatia ser jibni l-attivitajiet tiegħu fuq il-wirt li ħalliet il-kampanja, u ser jinvolvi lil bniet u subien ta' bejn it-13 u t-18-il sena kemm fl-ambjent skolastiku kif ukoll barra minnu. L-enfasi se tkun fuq l-involviment ta' dawn l-adolexxenti fi STEM (edukazzjoni dwar Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika) b'mod inklussiv fir-rigward tal-ġeneru, u fuq l-indirizzar tal-attitudnijiet tal-professjonisti fl-edukazzjoni STEM lejn prattiki aktar inklussivi fir-rigward tal-ġeneru.

Biex jagħmel dan, Hypatia ser jgħaqqad flimkien ċentri u mużewijiet tax-xjenza, skejjel, istituzzjonijiet ta' riċerka u l-industrija mal-esperti dwar il-ġeneru u l-adolexxenti nfushom. Dawn il-gruppi ta' partijiet interessati sejrin jaħdmu flimkien fuq livell nazzjonali u Ewropew permezz ta' ċentri, billi jiżviluppaw il-kontenut u jorganizzaw l-attivitajiet b'mod konġunt.

Il-Kampanja ser tkompli permezz ta' Hypatia!

Hypatia ser jieħu f'idejh il-paġna ta' facebook, allura int se tkompli tiskopri l-aħbarijiet dwar in-nisa fix-xjenza! Barra minn hekk, il-websajt ta' Hypatia se tkun disponibbli minn Marzu 2016: ibqgħu segwuna! Nittamaw li se tkompli ssegwi l-kampanja!

Informazzjoni ta' sfond

Fil-21 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissarju tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, Máire Geoghegan-Quinn, nediet il-kampanja “Nisa fir-Riċerka u l-Innovazzjoni” biex tħeġġeġ iktar nisa jagħżlu karrieri fix-xjenza.

Fl-2012, in-nisa rrappreżentaw 46% tad-dottorati (PhDs) gradwati kollha fl-UE. Iżda, in-nisa rrappreżentaw biss 33% tar-riċerkaturi. 20% biss tal-akkademiċi fil-livell superjuri kienu nisa, u università waħda biss minn kull għaxar universitajiet fl-Unjoni Ewropea kellha rettur mara. L-Ewropa għandha bżonn ta’ iktar riċerka u innovazzjoni biex tistimola t-tkabbir u t-tkattir tal-impjiegi, u b’hekk, ir-rappreżentazzjoni nieqsa tan-nisa fis-soċjetà hija kemm inġusta kif ukoll ħażina għat-tkabbir ekonomiku.

Bis-slogan “Inti tfajla? Ix-xjenza tgħodd għalik!”, il-kampanja għandha fil-mira tagħha lil tfajliet ta’ bejn it-13 u t-18-il sena — speċjalment dawk li normalment ma jkunux interessati f’karriera ta’ riċerka – u tħeġġiġhom jistudjaw ix-xjenza. Permezz ta’ attivitajiet onlajn u wiċċ imb’wiċċ ma’ nisa xjentisti ta’ ispirazzjoni (role models), il-kampanja se tikkomunika ma’ dawk l-adoloxxenti sabiex tagħtihom tagħrif reali dwar l-eċitament u l-isfidi ta’ karriera ta’ xjentista jew inġiniera professjonali.

Mill-2013, il-kampanja “Inti tfajla? Ix-xjenza tgħodd għalik!” issieħbet ma’ inizjattivi Ewropej oħrajn, bħall-European Union Contest for Young Scientists (EUCYS -Konkors tal-Unjoni Ewropea għal Xjenzati Żgħar) u l-proġett iffinanzjat mill-UE “SCIENTIX", il-Pjattaforma Ewropea għal għalliema tax-Xjenza.

Permezz ta’ din is-sħubija mal-proġett SCIENTIX, il-kampanja issa qiegħda tindirizza lill-għalliema wkoll, u qiegħda żżid l-għarfien fuq l-ugwaljanza bejn is-sess fil-klassi. 

Il-kampanja “Nisa fir-Riċerka u l-Innovazzjoni” hija parti minn strateġija usa’ tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka u l-innovazzjoni. Tinvolvi firxa wiesgħa ta’ attivitajiet li għandhom l-għan li: 1) jindirizzaw ir-rappreżentazzjoni nieqsa tan-nisa fil-karrieri ta’ riċerka; 2) jintegraw id-dimensjoni tas-sessi fl-oqsma kollha tar-riċerka; u 3) jimmodernizzaw l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, b’mod partikolari l-ġestjoni tar-riżorsi umani tagħhom.

 

Dwar il-lingwi disponibbli

Il-websajt “Inti tfajla? Ix-xjenza tgħodd għalik!” tipprovdi tagħrif bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Madankollu, f’ċerti żminijiet u għal ċertu kontenut, tista’ ssib li l-verżjoni bil-lingwa ppreferuta tiegħek ma tkunx għadha ħarġet sakemm titlesta’ t-traduzzjoni.

Barra minn hekk, jekk jogħġbok kun af li l-verżjoni bl-Ingliż hija l-punt ta’ referenza (peress li l-Ingliż hija l-lingwa sors għat-traduzzjonijiet kollha).